Allarmiżmu allarmanti

Weekend stramb dan l-aħħar wieħed ta’ Novembru.

Rajna l-ewwel ħalba borra ta’ dix-xitwa. Normali dik, imma l-ewwel borra dejjem qisha xi ħaġa speċjali. Li mhux normali li l-pajjiż nofsu magħluq minħabba biża’ ta’ attakk terroristiku. Il-metro mhux jaħdem, logħbiet tal-futbol sospiżi, teatri taċ-ċinema u stabbilimenti tal-ħwienet magħluqa, avvenimenti pprogrammati sospiżi wkoll. L-awtoritajiet Belġjani ħarġu twissija ta’  possibiltà ta’ attakk terroristiku u avżaw biex kemm jista’ jkun nevitaw postijiet iffullati.

Stat ta’ assedju. Allarmiżmu allarmanti. Diskors ta’ gwerra. Qed tissemma’ wisq drabi dil-kelma. Inħoss kultant li xi nies ittihom dehxa ta’ eċċitament, kważi li jixtiquha. It-tielet gwerra dinjija tielgħa u nieżla. Alla ħares qatt.

Id-dinja għaddiet minn mewġiet ta’ terroriżmu fl-imgħoddi. Niftakar tajjeb is-sebgħinijiet u d-diversi Brigate Rosse fl-Italja (u l-kontroparti faxxista tagħhom li nsejt x’kien jisimhom), Baader Meinhof fil-Ġermanja, l-IRA fir-Renju Unit, l-ETA fi Spanja, il-PLO…

… tfixkilt meta ġejt biex naħseb fejn kienu l-PLO, l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina. L-aktar attakk li baqgħu famużi għalih kien fl-Olimpjadi ta’ Munich fl-1972 meta qatlu numru ta’ atleti Iżraeljani.

Kellna ħtif ta’ ajruplani jew bombi fuq ajruplani, anki organizzati minn pajjiż, il-Libja, li l-mexxej tiegħu eventwalment spiċċa kulħadd reġa’ tħabbeb miegħu qabel ma daru għalih niesu u kulħadd reġa’ warrbu bl-għaġla.

Id-dinja minn dejjem kienet vjolenti u sakemm nibqgħu, anki aħna l-Ewropej minn ta’ quddiem nett, nipproduċu l-mezzi tal-qtil, min għandu tendenzi vjolenti se jibqa’ jsibha eħfef biex iwettaq atroċitajiet fuq nies innoċenti.

Imma l-fatt hu li dawn it-tip ta’ attakki ilhom li kienu jseħħu u ħadd ma kien isejħilhom atti ta’ gwerra. Aktar ma nżeffnu din il-kelma kerha fin-nofs, tibda tindara u jiġi aċċettat bħala stat ta’ fatt anki mill-mexxejja – bil-periklu li veru mbagħad xi mexxej aktar rasu sħuna mill-oħrajn idaħħal lil pajjiżu bid-dikjarar fi gwerra.

Hija l-inqas ħaġa li għandha bżonn id-dinja! U hemm bżonn li kulħadd jifhimha din. Minflok inrewħu għall-gwerra, li hemm bżonn hu li nikkalmaw waħda u nżommu sens ta’ perspettiva, mingħajr ma nittraskuraw li hawn jiġru mas-saqajn imġienen li jridu jiġu mgħassa strettament. Nistgħu nibdew billi hawnhekk stess fil-Belġju, pereżempju, ma tkunx daqshekk faċli biex tixtri armi tan-nar. X’saħta dawn l-armi!

Nispera dil-mewġa ta’ biża’ tgħaddi malajr, għax bħalissa tista’ tgħid li t-terroristi qed tgħaddi tagħhom. Qed iġegħluna nirrinunzjaw mill-istil ta’ ħajja li għażilna li rridu ngħixu – fil-libertà u fid-divertiment.

U naqtgħuh dal-ħafna diskors fuq gwerer għax ħsara biss iġib.

Published by

Tonio Privitelli

Economic migrant, climate refugee, cultural exile, political orphan.

One thought on “Allarmiżmu allarmanti”

Leave a comment